Malta fil-prestorja

Fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, insibu:

U Alla ssokta jgħid: “Ħa jinġabru l-ilmijiet ta' taħt is-smewwiet f’post wieħed u ħa tidher l-art niexfa.” U hekk sar. U l-art niexfa Alla sejħilha Art, imma l-ilmijiet miġburin flimkien sejħilhom Ibħra. U Alla ra li dan kien tajjeb.

Qabel ma' kien hemm l-art, kien hemm il-baħar. L-istudju xjentifiku tal-movimenti kontinentali, abbażi taċ-ċaqliq tal-blatiet tettoniċi, jurina kif kemm l-artijiet, kif ukoll l-ibħra, li hemm fid-dinja, il-ħin kollu qegħdin jiċċaqalqu u jħokku wieħed ma l-ieħor. Id-dinja tagħna hija ħaġa ħajja, u f'mozzjoni kostanti. Miljuni kbar ta' snin ilu, il-kontinenti kollha tal-lum il-ġurnata, kienu mgħaqudin ħaġa waħda flimkien bħala art waħda — imsejħa Pangea — mdawwra b'oċean magħrufa bħala Panthalassa.

Imma madwar mitejn miljun sena ilu, din l-art magħquda nqasmet fi tnejn: Laurasia fit-tramuntana u Gondwana fin-nofsinhar, u f'nofshom oċean, liema oċean huwa magħruf bħala l-Baħar ta' Tethys.

Ferm iktar tard, madwar mitt miljun sena ilu, dawn iż-żewġ masses enormi ta' art ukoll bdew jitkissru u jinfirxu, u bil-mod il-mod inħolqu l-artijiet tad-dinja kif nafuhom illum. Dan ma' kienx xi proċess simplistiku jew ta' malajr: l-qxur tettoniċi nqassmu u tkissru kontra xulxin għal ħafna drabi, u infatti dan il-proċess għadu għaddej sal-lum. Per eżempju nafu li l-qoxra tettonika tal-Afrika li qed iġġorr l-Alġerija u l-Marokk, qegħdha bil-mod tersaq lejn Spanja, waqt li tat-Tuneżija u lal-Libja resqin lejn Sqallija (b’Malta tinzerta qiegħdha propju fin-nofs), filwaqt li l-Italja miexja lejn il-lvant. Minn naħa l-oħra, il-blata Griega, bħal tat-Turkija, hija miexja lejn il-punent. F'miljuni ta' snin oħra, il-Mediterran jista' jidher ferm differenti minn kif inhu llum.

Imma nirritornaw għall-Baħar ta' Tethys. Oriġinarjament dan il-baħar kien sempliċiment jissepara ż-żewġ masses tal-art ta' Laurasia u Gondwana li flimkien kienu jagħmlu l-art kollha ta' din id-dinja. Iżda meta dawn il-ġiex masses bdew jiċċaqalqu u jitkisser, il-Baħar ta' Tethys kellu ta' bilfors jinqasam huwa wkoll. Fl-istess ħin, qxur tettoniċi żgħar oħra komplew jitfarrku, biex wara reġgħu ngħaqdu u eventwalment reġgħu nġabru flimkien. Meta l-Lvant Nofsani ngħaqqad mat-Turkija, il-Baħar espansiv ta' Tethys inqasam, u b'hekk inħoloq il-Baħar Mediterran kif nafuh illum.

Il- Baħar Mediterran tal-lum huwa twil 3,800 km, b’wisgħa medja ta' madwar 1,000 km. Huwa iffurmat minn ġiex baċiri kbar, li huma xhieda ta' passat imqalleb. Il-Baħar Tirrenju ta' bejn l-Italja u s-Sardinja huwa madwar 3,600 metru fond, filwaqt li l-baċir tal-Lvant huwa ferm akbar u jlaħħaq fond ta' 4,000 metru. Il-proċess tal-ħolqien tal- Mediterran qasam wkoll il-parti ċentrali f'ibħra żgħar oħra, bħal tal-Ligurja, il- Baħar Tirrenju, l-Adrijatiku, l-Jonju u l-Baħar Eġew.

U infatti għal dan hemm raġuni. Skoperti riċenti sorprendentiment juru biċ-ċar li l-Mediterran attwalment nixef qoxqox, u reġa' mtela mill-ġdid, kemm il-darba fil-passat tiegħu. Permezz tal-istudju tal-qiegħ oċejaniku, ix-xjentisti setgħu jaslu għal konklużjoni li l-konnessjoni Mediterranja mal-Oċean Atlantiku fl-Istrett ta' Ġibiltà, kienet ġiet imblukkati kemm il-darba; fil-waqt li l-influss tal-ilma mix-xmajjar li jisbokka fil-Baħar Mediterran ma kienx biżżejjed biex ipatti għat-telf tal-ilma permezz tal-evaporazzjoni. Dawn il-perjodi tat-tbattil tal- Mediterran, flimkien ma' bidliet klimatiċi li wasslu għal diversi żminijiet tas-Silġ, waslu għal tnaqqisijiet kbar fil-livell tal-baħar, u għamluha kemm il-darba possibbli li terġa’ tidher l-art niexfa li tgħaqqad flimkien lill-Afrika mal-Ewropa, bil-Baħar Mediterran jinbidel f'sensiela ta' lagi. Il-flora u l-fawna bdiet tivvjaġġa tul dawn il-pontijiet tal-art, waqt li l-ħajja ta ġol-baħar bdiet tiżviluppa separatament.

Ix-xjentisti skoprew wkoll fdalijiet ta' siti mgħarrqa, li jixhdu li għal xi żmien dawn kienu 'l fuq mill-baħar, u li sussegwentement reġgħu għerqu mill-ġdid. Per eżempju fl-Iżrael, madwar 200 metru mill-kosta, nstabu sensiela ta' rħula Neolitiċi mgħarrqa taħt l-ilma, bi djar tipiċi taż-Żmien il-Ħaġar. Għad ta' għodod taż-żnied, ta' madwar xi 45,000 sena ilu, ġew skoperti fuq il-blata kontinentali lil hinn mill-gżira ta' Korfu. Fdalijiet oħra ġew skoperti viċin Nizza fi Franza, u lil hinn mill-gżejjer Eġej ta' Melos u Aghios Petros.

Dan kollu juri biċ-ċar kif l-ewwel bnedmin infirxu u qasmu il-Mediterran minn kull direzzjoni. Fiż-Żmien Paleolitiku (jew Żmien il-Ħaġar Bikri), huma bdew jaqbdu u jużaw n-nar, u jidfnu lill-mejtin. Possibbilment huma kienu wkoll qed iżuru dawk il-gżejjer li setgħu jilħqu bid-dgħajjes primittivi tagħhom, u kultant saħansitra ssettiljaw hemmhekk. Eventwalment il-bniedem iżjed modern żviluppa l-agrikoltura u l-arti. Infatti iż-Żmien Neolitiku ħallha warajh ħafna evidenza rigward l-ewwel abitazzjonijiet permanenti, l-użu ta' fuħħar, id-domestikazzjoni tal-annimali, u l-bidu tat-twemmin reliġjuż.

U dan iwassalna għal Malta. B'riżultat tar-rivoluzzjoni agrikoltura, l-istabbiliment ta' kuntatti kummerċjali, u t-titjib fil-bini tad-dgħajjes, il-gżejjer żgħar saru attraenti ferm għal abitazzjoni permanenti. għaldaqstant il-Preistorja ta' Malta ma tibdiex b'Għar Dalam, imma bl-evoluzzjoni tal-baħar u l-artijiet ta' madwar din il-gżira dar tagħna. L-evoluzzjoni tal-bniedem Mediterranju hija marbuta sewwa sew mal-baħar ċirkustanti ta' madwarna. Infatti dan għadha sal-lum hekk, u għaldaqstant hemm ħtieġa li nifhmu il-bidliet li jkunu qed jiġru fil-jiġru fil-Baħar Mediterran, u l-perikli tat-tniġġis u s-sajd żejjed.

L-isfida ewlenija illum hija l-preservazzjoni u t-tiġdid tal-Mediterran u l-kultura komuni tiegħu, li sawret ċivilizzazzjoni kbira. Għal eluf kbar ta' snin, dan il-baħar li kien forza naturali hekk qawwija, serva kemm ta' barriera, u kemm ta' pont, għall-persuni li jgħixu madwaru. U filwaqt li żviluppi politiċi, reliġjużi u razzjali xorta għadhom jaqsmu, jidher li l-ġnus issa qed jibdew jingħaqdu flimkien, biex jindirizzaw diffikultajiet li ebda nazzjon ma tista' issolvi problemi waħedha.